Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali Alicia Bugeja Said ħabbret id-dettalji tal-Malta Animal Awareness Week, ġimgħa sħiħa ddedikata lill-annimali, lill-ħarsien tagħhom u biex tkompli titqajjem kuxjenza dwar ir-responsabbiltà li s-soċjetà għandha lejn il-benesseri tagħhom.
Waqt konferenza, ġie spjegat li matul din il-ġimgħa se jkunu qed jitħabbru u jitwettqu diversi inizjattivi marbuta mas-settur tal-ħarsien tal-annimali, fosthom investimenti ġodda, inizjattivi favur il-benesseri tal-annimali, attivitajiet edukattivi u ta' għarfien, kif ukoll l-Animal Honours Awards.
Permezz tal-Malta Animal Awareness Week, il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ il-messaġġ favur sjieda responsabbli tal-annimali, filwaqt li jagħraf il-ħidma ta' dawk kollha li ta' kuljum jagħtu kontribut fis-settur, fosthom il-ħaddiema tal-Animal Welfare, veterinarji, għaqdiet volontarji, santwarji u voluntiera.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li, “Din il-ġimgħa għandha tkun opportunità biex mhux biss niċċelebraw ir-rabta sabiħa bejn il-bniedem u l-annimal, iżda wkoll biex inkomplu nqajmu aktar għarfien dwar ir-responsabbiltajiet li jiġu mas-sidien tal-annimali. Irridu nkomplu nibnu kultura fejn ma naċċettawx l-abbuż jew in-negliġenza, fejn l-infurzar jimxi id f'id mal-edukazzjoni u l-prevenzjoni, u fejn il-ħarsien tal-annimali jitqies bħala responsabbiltà kollettiva."
Fost l-avvenimenti ewlenin ta' din il-ġimgħa se jkun hemm l-Animal Honours Awards, li permezz tagħhom se jiġi rikonoxxut il-kontribut ta' persuni, organizzazzjonijiet, santwarji, voluntiera u negozji li jagħmlu differenza fis-settur tal-ħarsien tal-annimali, kif ukoll stejjer ta' adozzjoni li jirrappreżentaw it-tieni ċans għal annimali li jkunu fil-bżonn.
Il-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, Elliot Magro, qal li, “Illum qed nagħtu bidu għal ġimgħa ddedikata lill-annimali, li matulha mhux biss nirriflettu fuq l-imħabba li għandna nuru lejhom, iżda wkoll fuq it-trattament xieraq li għandhom jingħataw tul ħajjithom kollha. Din il-ġimgħa taħbat ukoll mal-bidu ta' sena skolastika ġdida u, għal sena oħra, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali qed jerġa' jimpenja ruħu li jeduka lill-istudenti tagħna dwar ir-responsabbiltà li għandna biex niżguraw it-trattament xieraq tal-annimali u nissalvagwardjaw il-benesseri tagħhom."
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Animal Welfare, Dennis Sciberras, qal li, “Il-ħarsien tal-annimali jitlob impenn kontinwu, kemm permezz tal-ħidma li ssir ta' kuljum kif ukoll permezz ta' aktar għarfien u edukazzjoni. Bħala Direttorat se nkomplu naħdmu biex insaħħu s-servizzi tagħna, filwaqt li nibqgħu qrib il-komunità u nħeġġu lil kulħadd biex ikun parti attiva fil-ħarsien u l-benesseri tal-annimali."
Matul il-ġimgħa se ssir sensiela ta' attivitajiet u inizjattivi bil-għan li l-ħarsien tal-annimali jitressaq aktar qrib il-komunità, filwaqt li tingħata viżibbiltà akbar lill-ħidma li titwettaq kuljum minn dawk kollha involuti fis-settur.
Il-Gvern se jkompli jaħdem biex isaħħaħ il-qafas għall-protezzjoni tal-annimali, itejjeb is-servizzi u l-infrastruttura u jkompli jinvesti fl-edukazzjoni, il-prevenzjoni u l-infurzar, b'kollaborazzjoni ma' dawk kollha li jaħdmu favur il-benesseri tal-annimali.